7 min read

340356_10150537354026464_1839671881_o.jpgErbatax-il sena ilu, Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja. Kien mument storiku li għext mill-viċin u kellu tifsira kbira għal pajjiżi u għalija. Tul dawn l-erbatax-il sena pajjiżi inbidel u l-Ewropa inbidlet. F’din it-tħarbixa, ser nipprova nħares lejn x’wassal għad-deċizjoni tal-poplu biex jagħżel IVA, x’ġara minn dak in-nhar u attwalment x’inbidel, jekk inbidel mill-mod kif jaħseb u jagħżel il-poplu Malti.

Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja kien is-suġġett deċiżiv ta’ tliet elezzjonijiet. Fl-1996, għalkemm l-għażla ma’ kienitx daqshekk diretta, fattur li b’xi mod jista jiġi remotament marbut mal-Unjoni Ewropeja, il-VAT wassal biex il-poplu jagħżel li jiffriża l-proċess li bih Malta kellha tkun membru tal-Unjoni Ewropeja. Il-poplu għażel l-alternattiva proposta mill-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Is-sentejn ta’ wara kienu sentejn turbulenti, fejn t-triq li ppropona sabet għadd ta’ skolli biex tiġi implimentata. U wara 22 xahar, fl-1998, il-poplu għażel li jibda l-vjaġġ deċisiv biex pajjiżna jidħol fl-Ewropa. Madanakollu, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja kellu jkun issiġġilat permezz ta’ referendum, fejn il-poplu kellu jiddeċiedi wara li jkunu ntemmew in-negozjati.

Bejn l-1998 u l-2003, il-Gvern immexxi minn Eddie Fenech Adami, innegozzja għadd ta’ tibdiliet u saru diversi tibdiliet, fil-qafas leġiżlattiv u dak ekonomiku biex pajjiżna jkun jista’ jsir membru. L-enfasi kienet fuq l-aspett ekonomiku u l-aspett regolamentattiv. Huwa diffiċli li wieħed jgħid x’kien il-fattur determinanti. Nispjega għaliex.

Il-proċess li wassal għall-IVA, ra l-ewwel frammentazzjoni ta’ l-elettorat f’għadd ta’ niċeċ u gruppi. L-eġemonija tal-elettorat kienet sekondarja. Strateġikament, il-ħidma kienet biex kull biċċa mill-elettorat tasal biex tagħżel iva. Biex sar dan, kien hemm ħidma speċifika għal kull sezzjoni. Għal ħafna ġiet imfissra bħala opportunita’, għal uħud bħala garanzija ta’ liberta’, għal uħud kienet għażla għal uliedhom, għaż-żgħażagħ kwistjoni ta’ futur. Is-suq uniku Ewropew kien strumentali għal uħud, pero kien raġuni ta’ tħassib għal oħrajn. Il-valuri tal-proġett Ewropew, fl-opinjoni tiegħi kienu sekondarji għal maġġoranza. Fattur determinanti kien sisiġġilat fis-summit ta’ Copenhagen, meta Malta kisbet il-garanzija tal-mitt miljun. L-għażla għal daqstant kienet mibnija fuq għadd ta’ aspetti li kienu biżżejjed biex il-poplu jagħżel iva, minkejja l-isfond tribali tal-politika Maltija. Biex dan ir-riżultat seta jinkiseb kellu jkun hemm biżżejjed ‘tama’ f’futur mhux magħruf konta l-biża ppreżentata mill-Kamp tal-Le mmexxi mill-Partit Laburista ta’ Dr. Alfred Sant. Il-poplu ma’ riedx li jkun Svizzera fil-Mediterran u l-Partnership, iżda għażel li jkun parti minn familja ikbar. Dik Ewropeja.

L-ewwel snin wara s-sħubija kienu snin ta’ sagrifiċju u tkabbir. Dejjem, mill-lat ekonomiku rajna bidliet fin-nisġa tas-settur industrijali ta’ pajjiżna. Rajna setturi jagħlqu u oħrajn jinbtu u jikbru. Ir-ristrutturar ekonomiku ta’ bejn l-2004 u l-2008, anke biex pajjiżna jissieħeb fl-Ewro ħalla xi nies midruba, madanakollu meta kollox jitpoġġa fuq il-miżien l-ekonomija Maltija mmoderniżżat ruħha u llum meqjusa fost l-aqwa fl-Ewropa.

Biss, għal sezzjoni tal-poplu, id-dħul fl-Ewropa fisser ukoll li kien hemm ħafna li riedu li pajjiżna jsir modern. It-tifsira ta’ modern ma’ kienetx fuq livell ekonomiku. Ġa la darba l-ekonomija ġiet modernizzata, l-poplu ried li pajjiżna jsir modern, u nsiru bħal ta’ barra. Dan fisser il-bidu ta’ moviment biex ikun tibdiliet f’għadd ta’ oqsma, b’mod partikolari dawk soċjetarji, li bdew iseħħu wara l-2008. Tul dan il-perjodu, il-viżjoni ta’ modernizzazzjoni ppreżentata mill-Partit Nazzjonalista qabel l-2004 bdiet tikkuntrasta ma’ dik is-sezzjoni ta’ l-elettorat li ried tibdiliet fuq livell ta’ iktar sekularita’, tibdiliet leġiżlattivi fuq l-aspetti ta’ drittijiet ċivili u aspetti oħra. Il-Partit Nazzjonalista, sar forza ta’ reżistenza fuq dan l-aspett, u l-maġġoranza tal-poplu, li ried li pajjiżna jaġġorna biex ikun bħal ta’ barra ra’ f’ Joseph Muscat u l-proposta tiegħu ta’ moviment il-persuna li seta’ jbiddel dawk l-aspetti. Għal darb oħra, kellek frammentazzjoni elettorali, u għal darb oħra, l-istrateġija adottata kienet waħda li fissret li l-poplu jagħżel dawk il-bidliet, li huma ppreżentati b’mod pożittiv u ta’ tama għal ħajja aħjar.

Wara l-2013, il-pajjiż beda jbiddel għadd ta’ affarijiet u liġijiet li sa erbatax-il sena ilu ma’ konniex naħsbuhom. L-ekonomija, moderna, baqgħet tikber. L-ekonomija qatt ma’ kienet ta’ tħassib, u minħabba li l-poplu ma’ jiekolx bil-ħobż biss, il-poplu għażel l-aspetti l-oħra. Wara l-2013 l-elettorat baqgħa frammentat. Il-frammentazzjoni kienet varja. Il-ġrajjiet li seħħew wara l-Panama Papers, il-kwistjonijiet marbutin mad-dell ta’ korruzzjoni u nuqqas ta’ trasparenza, il-pressjonijiet fuq l-ambjent kienu punti ta’ kontestazzjoni kbira. Dawk li għażlu l-Ewropa, għax ma’ riedx li dan iseħħ, fakkar li vvota għall-Ewropa minħabba f’hekk. It-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv, l-istennija li l-Ewropa tintervjeni fejn il-poplu jħoss li l-affarijiet mhux sew, ix-xewqa ta’ kontrolli huma wħud mill-affarijiet li uħud minn dawk li għażlu biex Malta tidħol fl-Ewropa, jaraw iktar kontroll u azzjoni.

Biss, l-elezzjoni ta’ l-2017, ikkonfermat li għal maġġoranza tal-poplu, l-ekonomija hija kruċjali. Apparti minn hekk, fost it-tifsiriet varji tar-riżultat elettorali, wieħed jista’ jgħid li hemm elementi tal-popolazzjoni li jridu iktar ‘modernizzar’, ekonomija sejra tajjeb u kwalita tal-ħajja aħjar, tliet pilastri li l-ħolma Ewropeja kienet mibjugħa fuqhom. Apparti minn hekk, hemm sezzjoni mill-poplu Malti li trid iktar tibdiliet f’ kwistjonijiet ta’ natura etika u aspetti ta’ drittijiet ċivili. Il-frammentazzjoni tal-elettorat tant hija kbira, li fl-aħħar mill-aħħar, l-unika ħaġa li tgħaqqad hija l-qagħda ekonomika, u l-għażla elettorali baqgħet dik.

In-nuqqas ta’ azzjoni, forsi lissen diżappunt. Biss l-ikbar skrutinju minn partijiet mill-istituzzjonijiet Ewropej beda wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tas-sena l-oħra.

Għal sezzjoni tal-poplu, l-uniku tama li kien fadal kienet li l-‘Ewropa tagħmel xi ħaġa’. Probabli, t-tibdil fil-liġijiet marbutin ma’ governanza, tmexxija politika u strutturi ta’ ‘checks and balances’ adekwati huma l-aspett li fadal, minn dak li kien propost biex isir qabel Malta daħlet fl-Ewropa u li evidentement jinħtieġ li jsir, isir.

Din ir-riflessjoni, probabli, tagħti indikazzjoni tal-karratteristiċi differenti ta’ l-elettorat, li vvota iva. Tagħti indikazzjoni ta’ min aħna. Tagħti indikazzjoni tal-prijoritajiet.

Fit-tieni parti, nagħmel analiżi dwar kif inbidlet l-Ewropa u l-isfidi li għandu pajjiżna, bħala pajjiż Ewropew fil-futur. 

Dawn ir-riflessjonijiet ġew miktuba minn Jesmond Saliba, fundatur ta’ Diplomatique.Expert.