Mill-Petali ta’ Ħajtek – Ktieb f’ġieħ Oliver Friggieri

2 minute read.
Oliver_FestEbda Festschrift ma jirnexxilu jagħti mqar ħjiel ta’ dak kollu li hu Oliver Friggieri; ebda unur u medalja, għax il-kontribut ta’ Oliver huwa akbar minn dawn kollha. Oliver irnexxielu jinżel fil-fond tar-ruħ Maltija, jeskava l-labirinti tas-seħer tagħha u jesibihom fid-dawl tax-xemx biex igawdihom poplu sħiħ. Iżda b’danakollu aħna ħassejna li f’għeluq il-71 sena tiegħu kien jixraq li noffrulu petali li ma jidbilux. U sibna ħafna li resqu bl-akbar ħeġġa biex isaqquhom.
Dan il-Festschrift f’ġieħ Oliver Friggieri jinkludi kontribuzzjonijiet kemm fil-forma ta’ tifkiriet kif ukoll b’temi akkademiċi, b’kitbiet u studji minn fost l-aqwa esponenti tal-kitba kontemporanja Maltija. Ma’ wħud mill-kitbiet qed jidhru ritratti, ittri u dokumenti għall-ewwel darba. Ħsibna wkoll biex dan il-ktieb ikun mogħni b’bibljografija bix-xogħlijiet ewlenin tiegħu. Nittamaw li wara li taqraw il-kitba ta’ dawn il-paġni, issiru tafu aktar mill-qrib mhux biss lil Oliver Friggieri l-istudjuż, l-akkademiku u l-kittieb, imma wkoll lil Oliver Friggieri l-bniedem ta’ qalb kbira li ħajtu mimlija b’petali mill-isbaħ li jibqgħu dejjem friski, delikati u mimlijin fwieħa.
Il-kontributuri huma: Il-Prim Ministru Joseph Muscat, ir-RetturAlfred Vella, Josette Attard, Ġorġ Borg, Joseph P. Borg, Paul P. Borg, Arnold Cassola, Charles Coleiro, Roger Ellul-Micallef, Philip Farrugia Randon, Victor Fenech,  Henry Frendo, Monsinjur Victor Grech, Godfrey Grima, Raymond Mangion, il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, Achille Mizz, Joseph Mizzi, Ray Sciberras, Rev. Kalċidon Vassallo, Richard Vella Laurenti, Trevor Żahra, Traduzzjoni annotata ta’ Toni Aquilina, Tonio Borg, Charles Briffa, Joseph M. Brincat, Ivan Callus, Charles Dalli, Joe Friggieri, Louis Galea, Sergio Grech, Adrian Grima, Bernard Micallef, Terence Portell, Rev. Hector Scerri, u Marcel Zammit Marmarà. L-inizzjativa kienet tal-Prof Raymond Mangion u l-bord editorjali tal-ktieb kien magħmul minn Joseph P. Borg, Marcel Zammit Marmarà, Trevor Zahra u Joseph Mizzi.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.